‘Nistaqsi’ - il-kanzunetta rebbieħa tas-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika
- Mużika Mużika

- 3 days ago
- 3 min read

Edizzjoni oħra ta’ Mużika Mużika ntemmet b’suċċess, bi tlett iljieli ta’ spettaklu li ċċelebraw il-kanzunetta Maltija fl-aqwa tagħha.
Is-sitt edizzjoni tal-festival intrebħet mill-kanzunetta ‘Nistaqsi’ interpretata minn Jasmine, fuq kliem ta’ Philip Vella u mużika ta’ Glen Vella. Fit-tieni post ikklassifikat il-kanzunetta ‘Niftakarna’, b’interpretazzjoni ta’ Daniel Cauchi, lirika ta’ Michael Spagnol u mużika ta’ Daniel Cauchi, Chris Gatt u Robert Spiteri, filwaqt li fit-tielet post insibu l-kanzunetta ‘Int u Jien’, b’interpretazzjoni ta’ Kevin Paul, lirika ta’ Kevin Paul, Edward Abela u Matthew James u mużika ta’ Kevin Paul, Edward Abela u Matthew James. Il-premju għall-Aħjar Interpretazzjoni ntrebaħ mill-kantant Daniel Cauchi għall-kanzunetta ‘Niftakarna’, u dak għall-Aħjar Arranġament Mużikali ntrebaħ minn Edward Mifsud għall-kanzunetta ‘Nistaqsi’, li ntgħażlu mill-ġurija esperta tal-finali.
Anaca Photography
Għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, Mużika Mużika ġie mxandar fuq ħames stazzjonijiet lokali li jinkludu TVM, ONE, FLiving, Smash TV u Xejk TV, b’trasmissjoni oħra fuq TVM+ apposta bil-lingwa tas-sinjali Maltija.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li Mużika Mużika hija xhieda ħajja li l-kultura Maltija mhix passat, anke jekk għandha tradizzjoni unika, iżda hija l-preżent ħaj tan-nazzjon tagħna u l-futur tal-ġenerazzjonijiet li jmiss. Dr Bonnici qal illi dan il-festival jagħti spazju lill-artisti Maltin biex mhux biss isiru aktar magħrufa, iżda biex fuq kollox jagħmlu l-impatt tagħhom u jikkontribwixxu b’mod b’saħħtu għall-istorja kulturali ta’ pajjiżna.
Spjega kif kull nota, u kull kelma, hija prova li Malta għandha talent li jistħoqqlu l-ogħla ġieħ. Qal illi kull kanzunetta f’dan il-festival hija sejħa biex niftakru min aħna tassew. “L-arti mhix lussu iżda hija identità, hija saħħa, hija futur u Mużika Mużika tgħaqqadna, tgħollina, u tfakkarna min aħna – Maltin, l-ewwel u qabel kollox. Il-melodija hija l-vuċi tal-identità tagħna u l-lingwa tagħna,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, irringrazzja l-ħaddiema kollha ta’ Festivals Malta li ħadmu sabiex dan il-festival jittella’ b’suċċess, bi kwalità tal-ogħla livell. “Nuri l-apprezzament tiegħi lejn kull min kien involut biex tittella’ din il-produzzjoni daqstant prestiġjuża, b’mod speċjali lil numru kbir ta’ tekniċi, l-artisti nfushom –il-kantanti, il-kompożituri u l-awturi tad-dedikazzjoni li għandhom lejn il-mużika Maltija. Ħajr ukoll lill-preżentaturi tal-professjonalità tagħhom. Nawgura lir-rebbieħa kull suċċess għaż-żmien li ġej.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal “Għal sena oħra Festivals Malta rnexxielha ittella’ edizzjoni oħra ta’ Mużika Mużika b’suċċess. Kellna eluf ta’ telespettaturi u udjenzi fis-sala, u diversi kummenti pożittivi. Dan huwa xhieda tal-livell nazzjonali li rnexxielu jilħaq dan il-festival u nħarsu ’l quddiem biex inkompli narawh jilħaq miri ġodda. Nawgura lir-rebbieħa ta’ din is-sena u nħares ’il quddiem għal edizzjoni oħra ta’ Mużika Mużika.”
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Ray Bugeja qal, “L-ispettaklu li offrejna din is-sena kien wieħed tal-ogħla livell bħal dejjem. Grat lejn l-artisti tagħna, li ta’ kull sena joffru prestazzjoni mill-aqwa. Ċert li l-udjenza flimkien mal-ġurija ma sabuhiex faċli biex jagħżlu l-kanzunetta rebbieħa għaliex il-kanzunetti kollha kienu ta' livell professjonali. Dan huwa li jagħmel Mużika Mużika verament festival ta’ klassi għalih.”
Paul Abela, id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika qal, “Mużika Mużika huwa festival tal-artist Malti. Dan il-festival jagħti pjattaforma denja lill-artisti tagħna biex jesebixxu l-kompożizzjonijiet tagħhom bl-aqwa mod. Kuntent bil-livell li rajna, kemm fejn jidħlu s-sittax-il kanzunetta oriġinali, kif ukoll il-prestazzjonijiet tas-serata tal-klassiċi.”
Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, flimkien ma’ Festivals Malta u l-bord ta’ Mużika Mużika, jirringrazzjaw lil kull min kien involut biex Mużika Mużika jkun ta’ suċċess, jawguraw lill-artisti, u jirringrazzjaw lill-udjenzi li segwu dan il-festival bi ħġarhom.
Darren Agius Photography
Il-Kanzunetti rebbieħa huma:
L-EWWEL POST:
Kanzunetta: Nistaqsi
Kantanta: Jasmine
Kompożitur: Glen Vella
Awtur: Philip Vella
Premju Monetarju*: €20,000
IT-TIENI POST:
Kanzunetta: Niftakarna
Kantant: Daniel Cauchi
Kompożituri: Daniel Cauchi, Chris Gatt u Robert Spiteri
Awtur: Michael Spagnol
Premju Monetarju*: €10,000
IT-TIELET POST:
Kanzunetta: Int u Jien
Kantant: Kevin Paul
Kompożituri: Kevin Paul, Edward Abela u Matthew James
Awturi: Kevin Paul, Edward Abela u Matthew James
Premju Monetarju*: €5,000
L-AĦJAR ARRANĠAMENT MUŻIKALI:
Kanzunetta: Nistaqsi
Arranġament: Edward Mifsud
L-AĦJAR INTERPRETAZZJONI:
Kanzunetta: Niftakarna
Kantant: Daniel Cauchi
Kompożituri: Daniel Cauchi, Chris Gatt u Robert Spiteri
Awtur: Michael Spagnol
*Il-premjijiet monetarji ser jiġu ppreżentati f’okkażjoni separata.


















Comments