top of page

Jinfetħu l-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2026

  • Writer: Mużika Mużika
    Mużika Mużika
  • Jul 8
  • 2 min read
Ritratt - Elisa von Brockdorff
Ritratt - Elisa von Brockdorff

L-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika huma uffiċjalment miftuħa u b’hekk qed jinbeda proċess mill-isbaħ li se jwassal għas-sitt edizzjoni tal-festival se jsir bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu 2026. 


L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi elettronikament fuq is-sit muzikamuzika.mt sad-19 ta’ Settembru 2025 jew fl-uffiċini ta’ Festivals Malta fil-Furjana bejn it-18 u d-19 ta’ Settembru 2025.


Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal: “Kburin ħafna naraw il-pjattaforma ta’ Mużika Mużika tkompli tissaħħaħ u tiftaħ il-bibien għall-artisti Maltin. Dan hu frott il-ħidma kontinwa tal-Gvern favur il-kultura u l-identità tagħna. Inħeġġu lill-kreattivi tagħna biex jieħdu sehem u jkomplu jsaħħu l-vuċi mużikali ta’ pajjiżna.”


Iċ-Chairman ta' Festivals Malta Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius, iċ-Chairman tal-Bord ta' Mużika Mużika Raymond Bugeja, u d-Direttur Artistiku Paul Abela, tkellmu fuq is-suċċess li rnexxielu jikseb Mużika Mużika tul dawn l-aħħar ħames snin u fuq l-edizzjoni li jmiss li diġà bdew il-preparamenti għaliha. 


Ritratti - Elisa von Brockdorff u Kian Bugeja


Bħal kull sena, il-festival Mużika Mużika se jkompli jtejjeb il-livell tiegħu biex ikompli joffri pjattaforma għal kompożizzjonijiet bil-Malti. 


Waqt din l-istess ċerimonja ġew ukoll preżentati t-trofej lill-artisti rebbieħa tal-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Il-kanzunetta rebbieħa kienet “Stajna Konna Aħna”, interpretata minn Jamie Cardona, b’kliem ta’ Jamie Cardona u Aleandro Spiteri Monsigneur, u mużika ta’ Jamie Cardona, Aleandro Spiteri Monsigneur u Shaun Farrugia. Fit-tieni post ġiet il-kanzunetta “Tiegħek Jien” interpretata minn Brooke bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Brooke Borg u Cyprian Cassar, filwaqt li t-tielet post intrebaħ minn “Perfett” interpretata, miktuba u mmużikata minn Pamela Bezzina. Ingħataw ukoll it-trofej għall-Aħjar Interpretazzjoni lil Lisa Gauci għall-kanzunetta “Aħjar”, u għall-Aħjar Arranġament Mużikali lil Ryan Paul Abela għall-istess kanzunetta.


L-entitajiet rispettivi rringrazzjaw lill-artisti kollha tas-sehem tagħhom fil-festival, filwaqt li jawguraw lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta' din is-sena.


Ritratti - Elisa von Brockdorff u Kian Bugeja



Comments


bottom of page