ta’ Anastasju Cuschieri

“Fost l-ilsna kollha, ja lsien pajjiżi,
isbaħ u bħalek jien ma narax
ruħi mingħajrek bħal fomm imbikkem
li jrid jitkellem u ma jistax.”
Ħallina minnek, Sur Anastasju.
B'dal-kliem nistħajlek kont xi qaddis;
Illum jaħasra, il-kliem li nisma’,
mhux l-ewwel darba li jkun bl-Ingliż!
Fost l-ilsna kollha li jien studjajt,
bi lsien pajjiżi taf x’kanna blajt?!
Minħabba l-Malti qlajt elf tumakka;
tort tal-ie, tal-għajn u l-akka.
O kemm kiddewni dawk il-mudelli
In-nomi, l-verbi u l-partiċelli.
Il-qwiel, l-idjomi, ma nifhimhomx
U l-għerq u l-mamma?
Ma nniżżilhomx! Dik l-i tal-leħen, indum naħsibha
għandix naqbiżha... għandix niktibha.
Lejn kelma Ingliża, inħares ċass;
tgħid kif niktibha, hekk, kif tinħass?
U jekk “bilqiegħda” hix b’sing mifruda,
jekk hux “bilwieqfa” suppost magħquda.
Sur Anastasju, ismagħni tikka:
Tgħid b’li għedtilna, ħadt falza stikka?
Jgħidu li aħrax, ilsien tal-kċina.
Jgħidu diffiċli, jgħidulu fqir.
Forsi biex niktbu, inbati naqra
Imma nitkellmu b’gost u pjaċir!
Jgħidu xi jgħidu, dan l-ilsien tiegħi
jafni nitwieled, sejra l-iskola,
bih naf niġġieled, bih nagħmel paċi
bih naf nirrabja... ħaqq il-kazzola!
U jekk trid tisma’ x’inhu kkulurit,
mur ġib il-popcorn u tazza nbid.
Ħalli titpaxxa tismagħhom magħna,
il-kanzunetti bil-lingwa tagħna!
Michael Spagnol u Trevor Zahra 18 ta’ April 2022

Comments